Sejħa Miftuħa għall-Illustraturi u d-Disinjaturi Grafiċi biex jattendu l-London Book Fair

Artwork title, Artist name, YYYY

Published on 20 January 2026

Il-Kunsill Malti għall-Arti qed jiftaħ sejħa għall-illustraturi u d-disinjaturi grafiċi biex jattendu l-London Book Fair li se tittella’ bejn l-10 u t-12 ta’ Marzu fl-Olympia, Londra, ir-Renju Unit.

Permezz ta’ din l-inizjattiva, massimu ta’ erba’ parteċipanti jistgħu jirċievu sussidju li jkopri l-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni. Jingħataw ukoll pass ta’ esebituri li permezz tiegħu jistgħu jattendu l-London Book Fair. Din l-inizjattiva għandha l-għan li tipprovdi pjattaforma lill-artisti li jaħdmu fis-settur tal-pubblikazzjoni biex joħolqu konnessjonijiet u jieħdu sehem fis-suq tal-ktieb globali.

Il-KMA se jipprovdi sussidju għall-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni lil erba’ parteċipanti minn Malta li jista’ jitla’ sa €1,200. Il-parteċipanti se jkollhom ukoll l-opportunità li jużaw l-istand tal-wirja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) b’xejn. Se jingħataw ukoll passes bħala esebituri u mistiedna tal-London Book Fair, li l-ispejjeż tagħhom se jiġu kopruti mill-KNK. Ebda spiża oħra ma tista’ tiġi ffinanzjata jew irrifondata.

Bħala parti mit-tħejjija għall-fiera, il-parteċipanti magħżula se jiltaqgħu ma’ rappreżentanti tal-KNK u l-KMA.

Matul it-tlett ijiem tal-London Book Fair, permezz tal-passes tagħhom, il-parteċipanti magħżula jkunu jistgħu jattendu kwalunkwe attività mtellgħa, fosthom seminars, taħditiet, tnedijiet ta’ kotba, diskussjonijiet u attivitajiet oħrajn ta’ awturi. Aktar informazzjoni dwar dan tinsab f’ din il-ħolqa: https://www.londonbookfair.co.uk/#/

Din l-inizjattiva hija parti mill-kollaborazzjoni strateġika kontinwa li għaddejja bejn il-KMA u l-KNK, u għandha l-għan li toħloq aktar opportunitajiet għall-illustraturi u d-disinjaturi grafiċi biex ikomplu l-impenn tagħhom fix-xogħol artistiku marbut mal-qasam tal-pubblikazzjoni, lokalment u lil hinn.

Id-data ta’ skadenza: Il-5 ta’ Frar 2026

Eliġibbiltà

  • Miftuħa għall-illustraturi u d-disinjaturi grafiċi bbażati f’Malta.
  • L-applikanti jridu jkunu attivi fil-qasam tal-pubblikazzjoni.
  • L-applikanti magħżula jridu jkunu preżenti kuljum fil-London Book Fair mill-10 sat-12 ta’ Marzu 2026.
  • L-illustraturi u d-disinjaturi grafiċi li qed ifittxu opportunitajiet ta’ żvilupp professjonali huma nkoraġġiti li japplikaw.

a. REKWIŻITI GĦAS-SOTTOMISSJONI

  • CV: Fiha huwa mitlub li jitniżżlu l-esperjenza u l-kwalifikazzjonijiet relevanti.
  • Portafoll: Għażla ta’ xogħlijiet preċedenti li juru l-ħiliet tiegħek ta’ illustrazzjoni u disinn grafiku.
  • Pjan li fih tniżżel kif biħsiebek tuża din l-opportunità.
  • Stqarrija ta’ motivazzjoni li turi l-interess tiegħek f’din l-opportunità.

b. IL-PROĊESS TAL-GĦAŻLA

Is-sottomissjonijiet se jiġu evalwati skont il-kwalità artistika tagħhom u l-motivazzjoni tal-applikant. L-artisti magħżula se jkunu mgħarrfa sa mhux aktar tard mit-12 ta’ Frar 2026.

c. IL-KRITERJI TAL-EVALWAZZJONI

Is-sottomissjonijiet se jiġu evalwati skont dawn il-kriterji:

  1. L-istrateġija tal-applikant matul il-parteċipazzjoni fil-London Book Fair (40 punt)

    Dan il-kriterju jevalwa kemm l-applikant qed jippjana li jħaddem b’mod effettiv din l-opportunità.

2. Il-ħtiġijiet professjonali u ta’ taħriġ tal-applikant (30 punt)

Dan il-kriterju jivvaluta kif din l-esperjenza se tissodisfa l-ħtiġijiet professjonali u ta’ taħriġ tal-applikant.

3. Il-Kwalità artistika u l-esperjenza professjonali (30 punt)

Dan il-kriterju jqis il-portafoll, is-CV, l-esperjenza, l-edukazzjoni u l-proġetti maħluqa relevanti.

Agħfas hawn biex tniżżel il-linji gwida

Skip to content