L-Azzjonijiet tagħna dwar ir-Riċerka u l-Evalwazzjoni għall-2025
L-aġġornament tal-Istħarriġ dwar il-Parteċipazzjoni Kulturali biex niksbu aktar tagħrif dwar l-aħħar tendenzi fil-parteċipazzjoni kulturali fil-livell nazzjonali u nippermettu analiżi komparattiva. Dan se jiġi kkumplimentat minn iktar riċerka dwar l-iżvilupp u l-involviment tal-udjenza biex ikun ta’ benefiċċju għall-prattikanti u organizzazzjonijiet kreattivi mis-settur privat, pubbliku u volontarju.
Il-ħolqien ta’ grupp ta’ ħidma konsultattiv magħmul minn partijiet interessati ewlenin mis-setturi pubbliċi, privati u mhux governattivi, inklużi organizzazzjonijiet rappreżentattivi tas-settur, biex jiddiskutu riċerka kurrenti u ġejjiena fis-setturi kulturali u kreattivi. Dan se jiffaċilita l-iżvilupp kontinwu tal-programm ta’ riċerka tagħna u jiżgura r-rilevanza kuntestwali tiegħu.
L-esplorazzjoni u l-promozzjoni tal-bini tal-kapaċità u ta’ kollaborazzjonijiet li jgħinu lill-operaturi kulturali jottimizzaw l-istrutturi ta’ maniġġjar ta’ data tal-udjenza diġitali tagħhom permezz ta’ għodod adegwati, sħubiji u infrastruttura diġitali.
It-twettiq ta’ eżerċizzju ta’ mmappjar fl-infrastruttura fiżika, leġiżlattiva u regolatorja tas-setturi kulturali u kreattivi differenti sabiex niksbu fehim aktar olistiku tal-ambjent li joperaw fih il-prattikanti kulturali u kreattivi. Dan l-eżerċizzju għandu jivvaluta l-infrastruttura fiżika, istituzzjonali, soċjali, leġiżlattiva, regolatorja u teknoloġika li joħolqu l-kundizzjonijiet li fi ħdanhom teżisti l-ekoloġija kulturali u kreattiva tagħna.
L-iżvilupp ta’ interface interattiv online għal data kwantitattiva biex nippreżentaw u nikkondividu s-sejbiet tar-riċerka b’mod miftuħ u parteċipattiv.
It-twettiq ta’ studji ta’ evalwazzjoni tal-programmi ta’ finanzjament tagħna sabiex nevalwaw l-impatti u s-suċċessi tagħhom ħalli mbagħad nagħmlu rakkomandazzjonijiet għat-titjib tal-modi kif jittrattaw il-ħtiġijiet settorjali.
Nikkollaboraw fuq l-aġġornament tar-Rapport Ekonomiku Kreattiv mal-Ministeru tal-Finanzi. Ir-rapport kien ippubblikat f’Jannar 2018 u jenfasizza l-kontribut ekonomiku tas-setturi kreattivi u kulturali ta’ Malta bbażat fuq data makroekonomika.
Noħolqu strutturi aktar komprensivi u trasparenti għall-ġbir ta’ data dwar il-finanzjament tal-KMA biex niżviluppaw fehim aħjar tal-impatt, il-firxa u d-diversità tal-programmi ta’ finanzjament tal-Kunsill.
It-twettiq ta’ studji kwalitattivi u kwantitattivi dwar ir-relazzjoni bejn il-prattika artistika u aspetti oħra tal-ħajja soċjali, inklużi l-benessri u l-impenn ċiviku, biex b’hekk niksbu aktar għarfien dwar il-konnessjonijiet transsettorjali bejn l-arti u oqsma soċjoekonomiċi oħrajn.
L-iżvilupp ta’ bażi ta’ data dwar prattikanti kulturali u kreattivi biex tintuża għall-fini ta’ ġbir ta’ data kwantitattiva mtejba. Dan se jgħinna nappoġġaw b’mod iktar effettiv il-qafas tal-Istatus tal-Artist permezz ta’ data iktar sħiħa u affidabbli li tinforma lill-politika pubblika u l-leġiżlazzjoni.
It-trawwim ta’ kollaborazzjonijiet strateġiċi ma’ entitajiet u organizzazzjonijiet li jaħdmu fis-setturi kulturali u kreattivi ta’ Malta kollha, kif ukoll is-sħubiji bħala parti minn konsorzji biex nappoġġaw aktar riċerka.
L-appoġġ għad-dokumentazzjoni tal-legat artistiku ta’ Malta billi niżviluppaw kollaborazzjonijiet strateġiċi ma’ organizzazzjonijiet pubbliċi u indipendenti oħra permezz ta’ inizjattivi u proġetti konġunti ta’ riċerka.