Titolu tal-Arti, Isem tal-Artist, SSSS

Skema ta’ Appoġġ għat-Taħriġ u l-Iżvilupp

Invalid deadline format: March 10, 2026 12:00 pm

Skadenza

L-iskadenza biex tapplika hija March 10, 2026 fi

12:00 pm.

Applikazzjonijiet tardivi mhux se jiġu aċċettati

L-Iskema ta’ Appoġġ għat-Taħriġ u l-Iżvilupp hija waħda mill-għodod tagħna biex nittrattaw u nimplimentaw l-istrateġija attwali tal-Kunsill Malti għall-Arti, b’enfasi fuq it-trawwim tal-potenzjal kreattiv u l-appoġġ għall-iżvilupp tiegħu f’attività professjonali. L-Iskema ta’ Appoġġ għat-Taħriġ u l-Iżvilupp tinqasam f’żewġ fergħat.

  • L-Ewwel Fergħa tappoġġa l-iżvilupp professjonali kontinwu ta’ artisti, operaturi kulturali u studenti Maltin jew ibbażati f’Malta li jkunu attivi fis-setturi kulturali u kreattivi u li jixtiequ jieħdu taħriġ professjonali tul żmien qasir biex itejbu l-ħiliet tagħhom u javvanzaw fl-ispeċjalizzazzjoni tagħhom.
  • It-Tieni Fergħa tappoġġa l-iżvilupp u l-esponiment ta’ artisti żgħażagħ Maltin jew ibbażati f’Malta li jkunu attivi fis-setturi kulturali u kreattivi. Il-fond jappoġġa opportunitajiet ta’ taħriġ tul żmien qasir li jtejbu, bla ma jissostitwixxu jew jissussidjaw, il-programm ta’ taħriġ attwali tal-istudenti. Tappoġġa wkoll il-parteċipazzjoni tal-kreattivi żgħażagħ fi pjattaformi internazzjonali, fosthom iżda mhux biss, kompetizzjonijiet, esibizzjonijiet u/jew prestazzjonijiet.

Il-programm jirrifletti tendenza lejn aktar professjonalizzazzjoni fis-settur kulturali u kreattiv u l-promozzjoni ta’ kultura imprenditorjali fost il-professjonisti kulturali. Jipprovdi opportunitajiet biex jissaħħu l-bażijiet tal-għarfien u l-istrateġiji tal-impriżi kulturali u kreattivi. Permezz tal-investiment fi proċessi maħsuba biex itejbu l-kwalità meħtieġa ħalli jiġi ġġenerat xogħol artistiku eċċellenti, l-għan tagħna huwa li nappoġġaw l-iżvilupp ta’ ekoloġija kreattiva sostenibbli biex b’hekk nipprovdu valur miżjud u opportunitajiet ta’ impjiegi fis-settur.

L-għanijiet tal-Ewwel Fergħa (minn 18-il sena ‘l fuq) huma li:

  • Tappoġġa l-iżvilupp professjonali kontinwu tal-artisti u tal-operaturi kulturali fl-esplorazzjoni, fl-iżvilupp tal-ħiliet, fil-bini ta’ networks u fl-involviment f’kollaborazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali.
  • Trawwem l-eċċellenza fl-oqsma tal-arti u l-kultura u l-avvanz tal-għarfien u tal-kapaċitajiet f’oqsma relatati.
  • Tinvesti fit-taħriġ u żżid l-opportunitajiet għall-artisti u għall-professjonisti kreattivi.
  • Tħeġġeġ l-iżvilupp intellettwali professjonali u l-produttività.
  • Tħeġġeġ lill-professjonisti kreattivi jkomplu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u jieħdu sehem fi pjattaformi fil-livell nazzjonali u internazzjonali.

L-għanijiet tat-Tieni Fergħa (bejn 8 snin u 17-il sena) huma li:

  • Tappoġġa l-iżvilupp u l-mobbiltà tal-kreattivi żgħażagħ permezz ta’ opportunitajiet ta’ taħriġ, esplorazzjoni, networking u involviment f’kollaborazzjonijiet internazzjonali.
  • Tħeġġeġ u tagħmilha eħfef għall-kreattivi żgħażagħ li jespandu l-ħiliet tagħhom u jinvolvu ruħhom b’mod attiv fi pjattaformi internazzjonali.
  • Tippermetti l-esponiment tat-talent żagħżugħ għal pjattaformi internazzjonali
  • Tiffaċilita n-networking ma’ artisti internazzjonali oħra.

L-Iskema ser tappoġja l-attivitajiet li ġejjin:

  • Korsijiet ta’ taħriġ
  • Korsijiet qosra
  • Sessjonijiet ta’ ħidma
  • Masterclasses
  • Internships
  • Apprendistat
  • Residenzi tal-artisti
  • Job Shadowing
  • Provi għall-istituzzjonijiet edukattivi
  • Provi għall-proġetti artistiċi
  • Networking

Attivitajiet li jissodisfaw l-għanijiet tal-iskema u li m’humiex imsemmija hawn fuq jistgħu jiġu ikkunsidrati jekk l-applikant jipprovdi ġustifikazzjoni.

Fil-każ ta’ networking u residenzi, l-applikanti jeħtieġ li jipprovdu programm li jenfasizza b’mod ċar it-taħriġ jew l-attivitajiet ta’ żvilupp professjonali inklużi fil-programm tal-għażla tagħhom.

Rekwiżiti konformi mal-Istrateġija tal-Kunsill Malti għall-Arti

F’konformità mal-impenn tiegħu li jappoġġja l-arti permezz tal-approċċ sostenibbli u responsabbli tiegħu għall-investiment pubbliku, il-KMA jiġbed l-attenzjoni tal-applikanti għal dan li ġej f’konformità mal-Istrateġija 2025:

L-applikanti huma mitluba jikkunsidraw id-Dritt għall-Kultura – Pakkett ta’ Riżorsi meta jizviluppaw il-proposta tagħhom b’rabta ma’ kif jimpenjaw ruħhom mal-komunitajiet u l-konsiderazzjonijiet tad-drittijiet kulturali ta’ kulħadd fix-xogħol tagħhom. Il-pakkett ta’ riżorsi għandu l-għan li jżid l-għarfien dwar l-inklussività u jappoġġja l-implimentazzjoni tad-drittijiet kulturali fil-prattika tagħna ta’ kuljum.

L-applikanti huma meħtieġa wkoll jikkunsidraw il-Karta għall-Istatus tal-Artist meta jipproponu l-attivitajiet operattivi u ta’ programmazzjoni tagħhom biex jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol aċċettabbli u deċenti għall-artisti u l-prattikanti kreattivi li jħaddnu l-libertà artistika, l-aċċessibbiltà, ir-rikonoxximent ta’ ħiliet formali/informali/non-formali, kundizzjonijiet soċjo-ekonomiċi deċenti, non-diskriminazzjoni u ekwità, konsiderazzjonijiet etiċi u aderenza mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-liġi internazzjonali tax-xogħol. Il-Karta għall-Istatus tal-Artist hija maħsuba biex tipprovdi qafas dinamiku ta’ referenza għal kwalunkwe leġiżlazzjoni, politika, jew inizjattiva li jkollha impatt dirett jew indirett fuq l-artisti u s-setturi kulturali u kreattivi, u tiżgura li kwalunkwe azzjoni tkun allinjata mal-viżjoni aħħarija fit-tul li tgħolli l-istatus tal-artisti f’Malta f’konformità mal-valur tanġibbli tagħhom għas-soċjetà.

L-applikanti jridu jkunu ċittadini Maltin jew ikollhom permess ta’ residenza f’Malta, ċertifikat ta’ ċittadinanza Maltija jew passaport Malti.

L-applikanti jistgħu jkunu:

  • Professjonisti kreattivi/artisti individwali.
  • Gruppi, kollettivi u konsorzji
  • Organizzazzjonijiet volontarji iskritti mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji.

L-Ewwel Fergħa hija miftuħa għal professjonisti kreattivi, organizzazzjonijiet jew gruppi attivi fl-arti jew studenti li diġà jkun qed jirċievu taħriġ f’qasam kreattiv jew artistiku. Fil-każ tal-istudenti, il-programm propost għandu jkun relevanti għall-istudji tagħhom. Madankollu dan m’għandux jissostitwixxi jew jifforma parti mill-programm ta’ taħriġ formali jew informali tagħhom. Il-benefiċjarji għandu jkollhom tmintax-il sena jew iżjed.

It-Tieni Fergħa hija miftuħa għal artisti żgħażagħ eċċellenti li sad-data tal-iskadenza tas-sejħa inkwistjoni jkollhom bejn 8 snin u 17-il sena u li jkunu diġà qed jirċievu taħriġ f’qasam artistiku jew kreattiv. Il-programm li japplikaw għalih għandu jkun fl-istess linja ta’ tali programm ta’ taħriġ u jikkumplimentah. Il-kreattivi żgħażagħ taħt it-18-il sena jkollhom bżonn formula ta’ kunsens iffirmata mir-rappreżentant legali tagħhom li tindika b’mod ċar l-isem u n-numru tal-karta tal-identità ta’ mill-inqas ġenitur jew kustodju wieħed.

L-applikazzjoni għandha timtela u titressaq mill-benefiċjarju tal-għotja, iżda fil-każ ta’ minorenni l-isem u n-numru tal-karta tal-identità tal-ġenitur jew kustodju tal-applikant għandhom jiġu inklużi mad-dokumentazzjoni ta’ sostenn. L-applikazzjonijiet aċċettati jinħarġilhom kuntratt f’isem il-ġenitur jew kustodju.

Agħfas hawn għall-linji gwida u agħfas hawn biex tniżżel il-mudell tal-applikazzjoni għal Fergħa 1 u Fergħa 2.

Skip to content