L-Iskema għall-Arti fl-Iskejjel hija waħda mill-għodod tal-Kunsill Malti għall-Arti li ssostni u tappoġġa l-ekoloġija kulturali u kreattiva, b’attenzjoni speċjali fuq l-edukazzjoni tal-arti. L-Iskema tifforma parti mill-impenn tal-Kunsill li jinvolvi edukaturi u prattikanti kreattivi fi djalogu u kollaborazzjoni. L-għan huwa li jħeġġeġ lill-istudenti u lill-edukaturi biex iżidu l-involviment fis-setturi kreattivi u kulturali, u li jesplora metodoloġiji pedagoġiċi innovattivi għat-twettieq tal-arti fl-iskejjel. L-Iskema hija wkoll konformi mal-għan tal-Kunsill li jsejjaħ għal inklużjoni usa’ tal-kreattività u tal-arti fl-edukazzjoni biex ikompli jsaħħaħ l-edukazzjoni u l-ħiliet tas-seklu 21.
L-iskema tinkoraġġixxi kollaborazzjonijiet bejn istituzzjoni edukattiva u prattikant kreattiv għal kull proġett.
L-għanijiet tal-Iskema huma:
- Li ġġib prattikanti kreattivi fi skejjel u istituzzjonijiet edukattivi biex jaħdmu ma’ edukaturi u studenti ħalli jispiraw, jitgħallmu u joħolqu b’mod kollaborattivi u innovattivi
- Li tappoġġa proġetti li jinvolvu lill-komunità lokali tal-iskejjel u lix-xena artistika Maltija
- Li tappoġġa proġetti li jikkumplimentaw il-kurrikulu għas-snin bikrin sal-edukazzjoni sekondarja u tistinka biex iżżid il-valur tal-esperjenza tat-tagħlim u lill-ambjenti tal-istituzzjonijiet
- Li tħeġġeġ il-kollaborazzjoni bejn l-istituzzjonijiet edukattivi, il-kultura u l-industriji kreattivi, u setturi rilevanti oħra bħax-xjenza u t-teknoloġija
- Li tippromwovi l-innovazzjoni u l-kollaborazzjoni fl-oqsma kollha u tħeġġeġ lill-istudenti biex imexxu l-konfini tal-arti kreattiva fi ħdan istituzzjonijiet post-sekondarji u terzjarji
Rekwiżiti konformi mal-Istrateġija
F’konformità mal-impenn tiegħu li jappoġġja l-arti permezz tal-approċċ sostenibbli u responsabbli tiegħu għall-investiment pubbliku, il-KMA jiġbed l-attenzjoni tal-applikanti għal dan li ġej f’konformità mal-Istrateġija 2025.
L-applikanti huma mitluba jikkunsidraw id-Dritt għall-Kultura – Pakkett ta’ Riżorsi meta jizviluppaw il-proposta tagħhom b’rabta ma’ kif jimpenjaw ruħhom mal-komunitajiet u l-konsiderazzjonijiet tad-drittijiet kulturali ta’ kulħadd fix-xogħol tagħhom. Il-pakkett ta’ riżorsi għandu l-għan li jżid l-għarfien dwar l-inklussività u jappoġġja l-implimentazzjoni tad-drittijiet kulturali fil-prattika tagħna ta’ kuljum.
L-applikanti huma wkoll mistennija li jikkunsidraw, kif xieraq, il-prinċipji ewlenin deskritti fil-qosor fil-Karta għall-Istatus tal-Artist meta jipproponu l-attivitajiet operattivi u ta’ programmazzjoni tagħhom biex jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol aċċettabbli u ġusti għall-artisti. Dawn jinkludu d-dritt għal-libertà artistika, l-aċċessibbiltà mtejba, ir-rikonoxximent ta’ ħiliet formali/informali/non-formali, kundizzjonijiet soċjo-ekonomiċi deċenti, non-diskriminazzjoni u ekwità, konsiderazzjonijiet etiċi u aderenza mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-liġi internazzjonali tax-xogħol. Il-Karta għall-Istatus tal-Artist hija maħsuba biex tipprovdi qafas dinamiku ta’ referenza għal kwalunkwe leġiżlazzjoni, politika, jew inizjattiva li jkollha impatt dirett jew indirett fuq l-artisti u s-setturi kulturali u kreattivi, u tiżgura li kwalunkwe azzjoni tkun allinjata mal-viżjoni aħħarija fit-tul li tgħolli l-istatus tal-artisti f’Malta f’konformità mal-valur tanġibbli tagħhom għas-soċjetà.