Numru ta’ Permess ta’ Jobsplus: 161/2026
SKOP TAL-POŻIZZJONI
Il-Kunsill Malti għall-Arti (KMA) qiegħed ifittex li jaħtar is-servizzi ta’ individwu għal rwol ta’ Eżekuttiv (Komunikazzjoni) sabiex jaħdem fil-viċin mal-Kap (Komunikazzjoni) tal-KMA u s-Sezzjoni tal-Komunikazzjoni fi ħdan il-Kunsill.
Responsabbiltajiet Ġenerali
Id-dmirijiet tal-kandidat/a magħżul/a jinkludu, iżda mhux limitati għal:
- Li tassisti fl-iżvilupp u fil-ġestjoni tal-istrateġija tar-reklamar u komunikazzjoni tal-Kunsill Malti għall-Arti sabiex issaħħaħ u tmantni r-reputazzjoni tal- Kunsill Malti għall-Arti bħala mexxej proattiv, viżjonarju u ta’ kompassjoni fis-setturi kulturali u kreattivi ta’ Malta;
- Li tassisti fl-iżvilupp ta’ pjanijiet dettaljati għall-ħidma tat-tim tal-Komunikazzjoni u Senserija u li tissorvelja l-ħidma tiegħu;
- Li torganizza, timmaniġġja u tmantni x-xogħol amministrattiv tat-tim tal-Komunikazzjoni u Senserija.
- Li tassisti fil-ġestjoni u fit-twassil tar-relazzjonijiet tal-midja u tal-attivitajiet tar-relazzjonijiet pubbliċi interni u esterni tal-KMA u li tikkontribwixxi lejn l-iżvilupp u l-assistenza ta’ relazzjonijiet professjonali u trasparenti ma’ midja lokali, nazzjonali, u internazzjonali fuq il-mezzi diġitali u tradizzjonali;
- Li flimkien mat-tim tal-komunikazzjoni tal-KMA tiżviluppa u timmaniġġja kampanji ta’ reklamar, midja u relazzjonijiet pubbliċi sabiex tiżgura involviment pubbliku kontinwu, f’waqtu u ta’ kwalità għolja fl-attivitajiet tal-Kunsill Malti għall-Arti li jappartienu lill-funzjonijiet ewlenin tiegħu fl-investiment, fl-għajnuna, fl-iżvilupp, fir-riċerka u fil-promozzjoni għas-setturi kulturali u kreattivi ta’ Malta;
- Li tgħin fil-ġestjoni tal-ippjanar u fit-twassil tal-kampanji tal-midja soċjali, inkluża l-ittraħbar tal-KMA, sabiex tiżgura komunikazzjoni regolari u aċċessibbli mal-partijiet interessati tal-KMA;
- Li tiżgura li l-għodod tal-komunikazzjoni tal-KMA bħala parti mill-isforzi tiegħu għall-interazzjoni mal-pubbliku jkunu aċċessibbli għal gruppi soċjali differenti u li tidentifika lakuni t’aċċessibbiltà fil-komunikazzjoni permezz tal-involviment tal-esperti skont il-bżonn;
- Li tagħti pariri dwar l-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-pubblikazzjonijiet u tal-materjal promozzjonali tal-KMA għall-ingaġġ pubbliku u li tieħu ħsieb il-ġestjoni tagħhom;
- Li tassisti fil-preparazzjoni ta’ rapporti dwar il-KMA u l-istrateġija tal-komunikazzjoni għall-maniġment superjuri tal-KMA u għall-Bord tad-Diretturi kif ukoll għall-Ministeru responsabbli mill-Kultura u partijiet oħra interessati;
- Li tassisti lit-tim tal-Komunikazzjoni biex jimmaniġġja l-manutenzjoni tal-kontenut fuq is-sit virtwali tal-KMA kif ukoll li tikkontribwixxi għall-iżvilupp tiegħu sabiex jiġi żgurat li din tkun għodda ta’ informazzjoni relevanti, dinamika, interattiva u ta’ riċerka;
- Li tippjana, tikkordina, tippromwovi u tappoġġa avvenimenti, inklużi attivitajiet annwali ta’ għoti ta’ premjijiet, li jelevaw il-profil tal-KMA kif ukoll li żżid il-preżenza tiegħu u tiffaċilita l-komunikazzjoni tas-sħab u tal-partijiet interessati tiegħu kif ukoll ta’ rappreżentanti tas-setturi kulturali u kreattivi;
- Li tassisti fil-ġestjoni u fit-twassil mal-firxa kollha tal-mezzi tal-midja tal-attivitajiet medjatiċi u ta’ relazzjonijiet pubbliċi tal-KMA kif ukoll ta’ stqarrijiet għall-istampa, aġġornamenti għall-istaff u messaġġi reattivi u proattivi li jirriflettu l-prijoritajiet u l-għanijiet tal-KMA;
- Li tieħu ħsieb mistoqsijiet reattivi mill-midja kif ukoll komunikazzjonijiet aktar wiesgħa b’mod effettiv u f’waqtu;
- Li ssegwi u tirrapporta dwar stqarrijiet, aħbarijiet, intervisti fuq ir-radju u t-televixin u mezzi diġitali kif ukoll dwar il-preżenza fil-midja tal-KMA fl-intier tagħha u l-preżenza fil-midja tas-setturi kulturali u kreattivi, u li tadatta risponsi xierqa skont il-każ;
- Li tikkomunika u tikkollabora ma’ kollegi fi ħdan it-tim tal-Finanzjament u Strateġija sabiex tiżgura konsistenza fil-kitbiet tal-mezzi ta’ komunikazzjoni kollha tal-KMA;
- Li tikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-ġestjoni tal-baġit tar-reklamar u tal-komunikazzjoni;
- Li tipprovdi materjal miktub ta’ ċerta portata għall-pubbliku sew bil-Malti sew bl-Ingliż skont il-bżonn filwaqt li timmaniġġja l-kordinazzjoni ma’ fornituri ta’ servizz esterni;
- Li tassisti fl-akkwisti pubbliċi għat-tim tal-Komunikazzjoni tal-KMA;
- Li tassisti fi proġetti ad hoc skont il-bżonn;
- Li tikkomunika ma’ sottokuntratturi skont il-bżonn;
- Dmirijiet oħra skont kif assenjati mill-Kap Eżekuttiv u mill-Maniġment Superjuri tal-KMA.
KOMPETENZI ESSENZJALI U KUNDIZZJONIJIET ANORMALI TA’ XOGĦOL
- Attenzjoni fuq ix-xogħol, b’enerġija u motivazzjoni;
- Kapaċità li tistabbilixxi prijoritajiet u taħdem taħt pressjoni;
- Użu u eżerċitar ta’ ġudizzju mgħarraf u indipendenti;
- Livell eċċellenti ta’ ħiliet interpersonali u ta’ komunikazzjoni bil-miktub u bil-fomm;
- Ħiliet organizzattivi b’attenzjoni għad-dettalji;
- Abbiltà u rieda li tivvjaġġa;
- Ħidma biex jintlaħqu l-iskadenzi.
Din id-deskrizzjoni tax-xogħol mhix bilfors lista eżawrjenti ta’ dmirijiet iżda tfasslet biex tirrifletti firxa ta’ dmirijiet li l-Eżekuttiv (Komunikazzjoni) ser iwettaq. Din tista’ tiġi riveduta b’mod regolari u kapaċi tinbidel.
L-applikanti, sal-ħin u d-data ta’ skadenza ta’ din is-sejħa, għandhom ikunu:
(a) ċittadini ta’ Malta; jew
(b) ċittadini ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea li għandhom jedd għal trattament ugwali daqs ċittadini Maltin fi kwistjonijiet ta’ impjieg bis-saħħa ta’ leġiżlazzjoni tal-UE u dispożizzjonijiet ta’ trattati dwar iċ-ċaqliq ħieles tal-ħaddiema; jew
(ċ) ċittadini ta’ kwalunkwe pajjiż ieħor li għandhom jedd għal trattament ugwali daqs ċittadini Maltin fi kwistjonijiet ta’ impjieg minħabba li jkunu japplikaw għal dak il-pajjiż b’leġiżlazzjoni tal-UE u dispożizzjonijiet ta’ trattati dwar iċ-ċaqliq ħieles tal-ħaddiema; jew
(d) kwalunkwe persuna oħra li għandha jedd għal trattament ugwali daqs ċittadini Maltin fi kwistjonijiet ta’ impjieg permezz tar-relazzjoni familjari tagħha ma’ persuni msemmija fil-paragrafi (a), (b) jew (ċ), skont kif hemm fil-liġi jew fil-leġiżlazzjoni tal-UE u d-dispożizzjonijiet ta’ trattati msemmija hawn fuq; jew
(e) ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu ngħataw status ta’ resident għal żmien twil f’Malta taħt ir-Regolament 4 tar-Regolamenti dwar “Status ta’ Residenti għal Żmien Twil (Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi) tal-2006”, jew li jkunu ngħataw permess ta’ residenza taħt ir-regolament 18(3) tal-istess regolamenti, flimkien mal-membri tal-familja ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu ngħataw permess ta’ residenza taħt ir-“Regolamenti dwar ir-Riunifikazzjoni tal-Familji, 2007”; jew
(f) persuni li għandhom dokument ta’ residenza maħruġ skont it-termini tal-Istatus tar-Residenza taċ-Ċittadini tar-Renju Unit u l-Membri tal-Familja Tagħhom f’Malta skont il-Ftehim tal-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika.
Il-pariri tad-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u l-Affarijiet tal-Espatrijati fi ħdan l-Aġenzija Identità għandhom jintalbu skont il-ħtieġa fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq.
Il-ħatra ta’ kandidati li jaqgħu taħt punti (b), (ċ), (d), (e) u (f) imsemmija hawn fuq teħtieġ il-ħruġ ta’ liċenzja ta’ impjieg fil-każi li din tkun meħtieġa mill-Att dwar l-Immigrazzjoni u l-leġiżlazzjoni sussidjarja. F’dak il-każ, l-entità Jobsplus għandha tiġi kkonsultata skont il-ħtieġa dwar din il-materja.
U
kapaċi li jikkomunika kemm bil-lingwa Maltija u kif ukoll bil-lingwa Ingliża sabiex iwettaq id-dmirijiet li jkun applika għalihom b’mod suffiċjenti u adegwat.
U
għandu jkollhom:
- kwalifika rikonoxxuta ta’ Maġisteru fil-Livell MQF 7 (suġġetta għal minimu ta’ 90 kredtu ECTS/ECVET, jew ekwivalenti, fir-rigward ta’ programmi li jibdew minn Ottubru 2008) fil-Komunikazzjoni, il-Marketing, il-Ġestjoni Kulturali u l-Ġestjoni ta’ Avvenimenti jew kwalifika professjonali kumparabbli, kif ukoll sena (1) esperjenza ta’ xogħol rilevanti
JEW
- kwalifika rikonoxxuta ta’ Baċellerat fil-Livell MQF 6 (suġġett għal minimu ta’ 180 kredtu ECTS/ECVET, jew ekwivalenti, fir-rigward ta’ programmi li jibdew minn Ottubru 2003) fil-Komunikazzjoni, il-Marketing, il-Ġestjoni Kulturali u l-Ġestjoni ta’ Avvenimenti jew oqsma rilevanti, kif ukoll tlett (3) snin esperjenza ta’ xogħol rilevanti.
U għandu jkollhom ukoll
- Għarfien tas-setturi kulturali u kreattivi;
- Ħiliet eċċellenti ta’ netwerking;
- Għarfien ġenerali tal-proċeduri tal-uffiċċju u għarfien tar-Regolamenti dwar l-Akkwisti Pubbliċi tal-Gvern;
- Ħiliet organizzattivi u amministrattivi qawwija u attenzjoni għad-dettalji;
- Ħiliet interpersonali eċċellenti u ħiliet eċċellenti fis-servizz tal-konsumatur;
- Abbiltà murija fl-osservar u fil-kisba ta’ ħiliet ġodda li jappartienu lil ħiliet fil-komunikazzjoni esterna u interna;
- Mentalità kreattiva u abbiltà li taħdem tajjeb taħt pressjoni, tlesti x-xogħol b’mod effiċjenti u tlaħħaq il-kompiti tagħha fi ħdan skadenzi stretti;
- Impenn għas-servizz tal-konsumatur u għall-ġestjoni tal-kwalità.
Informazzjoni dwar il-Kuntratt u s-Salarju
Il-persuna magħżula ser tiġi ingaġġata b’kuntratt ta’ impjieg full-time fuq bażi indefinita. Is-salarju mħallas ser jikkonsisti f’paga bażika ta’ €35,877 fl-2026 (massimu ta’ Grad 5 tal-Istruttura ta’ Gradazzjoni u Salarji tal-Kunsill Malti għall-Arti), f’Bonus għall-Prestazzjoni sa 15% fis-sena, f’Kumpens għad-Disturb sa 15% fis-sena, f’Kumpens tal-Klassi tal-Entita’ ta’ €1,500 fis-sena u Kumpens għat-Taħriġ ta’ €700 fis-sena.
Applikazzjonijiet
Applikanti interessati għandhom jibagħtu ittra ta’ motivazzjoni flimkien ma’ kopji taċ-ċertifikati tagħhom fuq [email protected].
Applikanti li għandhom kwalifiki barranin huma mitluba li jipproduċu dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent mill-Malta Qualifications Recognition Information Centre (MQRIC) fi ħdan il-Malta Further and Higher Education Authority (MFHEA), li trid tiġi miksuba billi timtela applikazzjoni online għar-rikonoxximent tal-kwalifiki fuq (https://services.mfhea.mt/CertificationApplication.aspx). Tali dikjarazzjoni għandha tkun annessa mal-applikazzjoni u l-oriġinali tiġi ppreżentata fl-intervista.
Id-data tal-għeluq tal-applikazzjoni hi nhar l-10 ta’ Marzu 2026, f’nofsinhar.
L-applikanti eliġibbli jintalbu jattendu intervista ta’ selezzjoni.